Din is-sena 2022 l-Innu Malti jagħlaq mitt sena mindu meta tkanta l-ewwel darba fit-Teatru Manoel fis- 27 ta' Diċembru 1922. L-Innu huwa poeżija ta' dun Karm Psaila u motiv semplici tal-Prof. Robert Samut.
Dun Karm jgħid li d-direttur tal-iskejjel tal-Gvern, Dr Albert Laferla, kien talbu jikteb żewġ versi fuq il-motiv ta' Samut biex jitkantaw mit-tfal tal-iskejjel tal-Gvern. (Ara Il-Berqa 16 ta' Marzu 1944; Toni Cortis 'Encore għall-Innu Malti' In-Nazzjon Tagħna 1 Gunju 1993; u Oliver Friggieri, L-istorja tal-Innu Malti, Klabb Kotba Maltin, 2014). Dan jidher li kien l-ewwel skop tal-poeżija reliġjuża. Interessanti li mill-Arkivji tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, jidher li Dun Karm ma kellu l-ebda ħsieb li dan ikun Innu Nazzjonali, iżda xtaqu jintuża bħala Innu tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti li twaqqfet fl-1920. (Ara David Agius Muscat, 'Ir-Rabta tal-Għaqda Tal-Kittieba tal-Malti mal-Innu Nazzjonali', Studji Dun Karmjani, ed. Carmel Azzoppardi, Klabb Kotba Maltin, 2011).
L-Innu kien reġa' tkanta t-tieni darba fit-Teatru Manoel għal-'Kuncert Malti' tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti fit-3 ta' Frar1923. Din id-darba nafu li kantawh il-bniet tal-iskola tal-Gvern, li jidher li kien l-iskop oriġinali tiegħu. Fl-istess serata daqqewh ukoll is-Societa Mandolinistica Melita tal-Birgu. F'din id-data memorabbli tat-3 ta' Frar 1923 diġa nsibuh imniżżel bħala 'Innu Malti'.
Programm tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti tat-3 ta' Frar 1923. Għal dan nirringrazzja lill-Arkivji Nazzjonali, Rabat.
Nixtieq naqsam magħkom xi verżjonijiet li għandi tal-Innu Malti.
1. L-ewwel waħda kienet ippublikata minn Ivo Muscat Azzopardi x'aktarx fl-40ijiet. Dun Karm kien stqarr li ma xtaqx li l-Innu jinqaleb bl-ebda lingwa iżda hawnhekk insibu l-versi maqlubin għall-Ingliż minn May Butcher. Din il-melodija hija miktuba fit-ton tal-LA (A Major) u armonizzata b'akkumpanjament li kien żied Mro Paolo Nani, iżda ma tidher l-ebda referenza għalih.
2. Maestro Paolo Nani kien żied l-akkumpanjament fl-1938 u għamel orkestrazzjoni sħiħa li izjed tard bdiet tindaqq fil-festi uffiċjali u anki fuq it-televiżjoni. F'din it-tieni verzjoni (hawn taħt) jissemma li l-Innu kien ġie rekonoxxut bħala 'Innu Malti' fit-22 ta' Frar 1941. Il-mużika nsibuha miktuba fit-ton tal-LA (A Major) bl-istess akkumpanjament bħal dik ta' fuq. Din il-verżjoni tidher li riedet tagħmel ċar is-sehem ta' Maestro Paolo Nani li ma kienx jissemma' fl-oħra (1), iżda tgħidilna wkoll kull min ta sehem u eżatt x'għamel. Fuq il-lemin ta' fuq jidhru n-noti ta' Sammut fit-ton tas-SOL (G Major).
Din ingħatatli mis-Sur Mario Nani.
Is-sehem tas-socjeta mandolinistika - inkompli darb'oħra