Saturday 31 December 2022

L-INNU MALTI - wara 100 sena

 Din is-sena 2022 l-Innu Malti jagħlaq mitt sena mindu meta tkanta l-ewwel darba fit-Teatru Manoel fis- 27 ta' Diċembru 1922. L-Innu huwa poeżija ta' dun Karm Psaila u motiv semplici tal-Prof. Robert Samut. 

Dun Karm jgħid li d-direttur tal-iskejjel tal-Gvern, Dr Albert Laferla, kien talbu jikteb żewġ versi fuq il-motiv ta' Samut biex jitkantaw mit-tfal tal-iskejjel tal-Gvern. (Ara Il-Berqa 16 ta' Marzu 1944; Toni Cortis 'Encore għall-Innu Malti' In-Nazzjon Tagħna 1 Gunju 1993; u Oliver Friggieri, L-istorja tal-Innu Malti, Klabb Kotba Maltin, 2014). Dan jidher li kien l-ewwel skop tal-poeżija reliġjuża. Interessanti li mill-Arkivji tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, jidher li Dun Karm ma kellu l-ebda ħsieb li dan ikun Innu Nazzjonali, iżda xtaqu jintuża  bħala Innu tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti li twaqqfet fl-1920. (Ara David Agius Muscat, 'Ir-Rabta tal-Għaqda Tal-Kittieba tal-Malti mal-Innu Nazzjonali', Studji Dun Karmjani, ed. Carmel Azzoppardi, Klabb Kotba Maltin, 2011). 

L-Innu kien reġa' tkanta t-tieni darba fit-Teatru Manoel għal-'Kuncert Malti' tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti fit-3 ta' Frar1923. Din id-darba nafu li kantawh il-bniet tal-iskola tal-Gvern, li jidher li kien l-iskop oriġinali tiegħu. Fl-istess serata daqqewh ukoll is-Societa Mandolinistica Melita tal-Birgu. F'din id-data memorabbli tat-3 ta' Frar 1923 diġa nsibuh imniżżel bħala 'Innu Malti'.



Programm tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti tat-3 ta' Frar 1923. Għal dan nirringrazzja lill-Arkivji Nazzjonali, Rabat. 





Nixtieq naqsam magħkom xi verżjonijiet li għandi tal-Innu Malti. 

1. L-ewwel waħda kienet ippublikata minn Ivo Muscat Azzopardi x'aktarx fl-40ijiet. Dun Karm kien stqarr li ma xtaqx li l-Innu jinqaleb bl-ebda lingwa iżda hawnhekk insibu l-versi maqlubin għall-Ingliż minn May Butcher. Din il-melodija hija miktuba fit-ton tal-LA (A Major) u armonizzata b'akkumpanjament li kien żied Mro Paolo Nani, iżda ma tidher l-ebda referenza għalih. 

1.


2. Maestro Paolo Nani kien żied l-akkumpanjament fl-1938 u għamel orkestrazzjoni sħiħa li izjed tard bdiet tindaqq fil-festi uffiċjali u anki fuq it-televiżjoni. F'din it-tieni verzjoni (hawn taħt) jissemma li l-Innu kien ġie rekonoxxut bħala 'Innu Malti' fit-22 ta' Frar 1941. Il-mużika nsibuha miktuba fit-ton tal-LA (A Major) bl-istess akkumpanjament bħal dik ta' fuq. Din il-verżjoni tidher li riedet tagħmel ċar is-sehem ta' Maestro Paolo Nani li ma kienx jissemma' fl-oħra (1), iżda tgħidilna wkoll kull min ta sehem u eżatt x'għamel. Fuq il-lemin ta' fuq jidhru n-noti ta' Sammut fit-ton tas-SOL (G Major).
                                             Din ingħatatli mis-Sur Mario Nani.
 
   2.


3. 'Hymn of Malta' miktuba bl-idejn kienet ma gozz mużika stampata u x'aktarx li ġiet minn studenta tal-iskola tal-kunvent tas-Sacred Heart, probabbli mill-40ijiet. Interessanti li l-versi jidhru bl-ingliż biss bil-kliem ta' May Butcher u l-mużika hija l-oriġinali li nkitbet minn Samut fit-ton tas-sol. Fl-iskola tas-sorijiet tas-Sacred Heart (San Giljan) dak iż-żmien ma kienx permess li t-tfal jitkellmu bil-Malti. Kienu obbligati li jitkellmu bl-ingliż biss. Din forsi insibuha stramba illum iżda s-sorijiet kienu kollha ingliżi jew irlandiżi. S'issa ma rnexxilix insib kenux ikantaw l-Innu, u jekk hu hekk kenux ikantawh bl-ingliż jew bil-Malti fl-iskola fl-40ijiet.


3.

     Is-sehem tas-socjeta mandolinistika          -        inkompli  darb'oħra