Wednesday 16 August 2023

IT-TRADIZZJONIJIET TAGHNA

Aħna m'aħna xejn kburin bit-tradizzjonijiet tagħna. U mhux qed ngħid għall-festi. Qatt ma ppruvajna nsalvaw dak li kellna imma tlaqna kollox u ħallejnieh jispiċċa u jtir mar-riħ. 

Nista' nsemmi ħafna affarijiet li nixtieq li l-Maltin ta' qabilna għamlu xi ftit sforz biex isalvawhom - il-ħafna żfin li kellna per eżempju - x'sar minnu? Kien hemm ħafna żifniet differenti ta' kull okkazjoni. Iż-żifniet tal-Karnival, il-Birgu kellu żifniet partikolari tiegħu, il-kuntradanza jew il-Maltija li kienu jsejjħulha żifna 'nazzjonali'...  Kollox telaq. F'liema pajjiż ma tarax it-tfal jitgħallmu u jiżfnu ż-żfin tradizzjonali tagħhom? Jew jilbsu l-ilbies tradizzjonali tal-post? ikantaw /jgħannu l-għanjiet ta' pajjiżjhom?  Jew idoqqu l-istrumenti tradizzjonali tal-pajjiż? U kburin bihom! KBURIN! Aħna le. 

Kif taħsbu li nistgħu ikollna identita Maltija? Identita TAGHNA? U ma nkunux l-istess bħal kulħadd,  b'xejn differenti, xejn speċjali, xejn uniku, xejn interessanti li jiġbed lin-nies. Ma nintgħarrfux bħala Maltin. Qisna biċċa Cikku l-poplu ta' pajjiżi oħra. Għiduli kif jista' jkollna identita 'Maltija'?? 

Għandna marda li neqirdu t-tajjeb tagħna mingħajr ma nqisuh. Biżżejjed tara x'qed nagħmlu fl-irħula tagħna,.... neqirdu l-bini sabih u uniku u l-pajsaġġ ta' madwarna, u nibnu dak il-kruha li tista' ssibu f'kwalunkwe post u ħadd ma jħares lejh darbtejn. Kemm nistgħu inkunu boloħ! U l-istess fit-tradizzjonijiet sbieh tagħna.  U, iva, il-barranin jaraw u japprezzaw ħafna iżjed minna! 

Naqta' qalbi minn dal-pajjiż!